Saturday, February 18, 2012

It-Trabokk tal-Brikkuni

Fi kliem il-Brikkuni stess, sigriet bejn tnejn m’hu sigriet xejn.

Il-kelma issa ġriet. Niftakarni xi erba’ snin ilu, mmur il-Liquid biex narahom l-ewwel darba, meta nedew l-ewwel album tagħhom ‘Kuntrabanda’. Il-folla kienet mdaqqsa u xejn iżjed. Niftakarni nasal ftit tard, għadni ma nafx eżatt x’se nsib eżatt, imma l-kurżita kienet għelbitni. Bħal kif kienu għelbu s-sens infantili lil dak il-proxxmu li fl-istess lejla ċempel lill-pulizija biex jgħidilhom li hemm bomba fil-post.

Is-snin gerrbu. Mil-Liquid, niftakarni nikkjuwja l-MITP il-Belt biex nerġa’ nesperjenzahom, qalbi ttaqtaq din id-darba jirnexxiliex nidħol jew le. Xi kunċert żgħir ‘l hawn u ‘l hemm minn xi tlett membri, umbgħad kunċerti sħaħ il-Buskett, it-Tattingers fi żmien il-Milied, l-Ospizio fis-sajf, l-Imtarfa għal ftit ħin, it-Tattingers għal darba oħra, imma fuq din anqas ma ngħidu fuqha aħjar.

U s-Sibt li għadda għal darba oħra l-Belt, din id-darba mhux l-MITP, imma s-City Theatre fejn il-post kbir biżżejjed biex jesa’ ħobża imma kuntarju għal dak l-oħxon li żaqqu ma tesax kelma, il-konfini tiegħu ma jippermettux il-kliem u l-mużika jaħarbulu u ħadd m’għandu għalfejn iċempel u jieħu ħin lil Ċikku ċ-Ċinkwina għax ma jistax jorqod minħabba l-istorbju, wara kollox dan mehdi fuq każ importanti li għadu ma ssolviex.

Xbieki ma kienx hemm, trabokki lanqas imma kulħadd deher maqbud. Maqbud mill-melodija u l-kliem ħerġin minn fuq il-palk. In-nies qiegħda tisma’ b’attenzjoni, dak li ilha tistenna xhur sħaħ. Uħud jidhru li rifsu fuq it-trabokk għall-ewwel darba, u qegħdin maqbudin minn dak kollu li qed jiġri quddiem għajnejhom u qed iħammel widnejhom. Niftakar lil xi ħadd jgħid li għal kunċert passat, kien hemm diverista’ ta’ minn punks għal indie kids. Illum jidher li hemm diversità minn tfal fl-aħħar snin tal-adoloxxenza għal persuni fl-aħħar snin tagħhom fl-uffiċju.

Tlettax –il diska wara l-oħra ġdida mingħajr waqfien. Għalissa ftit hemm żagħbil, l-attenzjoni għandha prijorità. Il-melodija forsi aktar mirquma minn dak ta’ qabel. Xi sebgħa mużiċisti b’kollox imma l-ħoss magħqud. Il-vixxra mużikali aktar kawta minn ta’ qabel, imma l-lirika nieqsa mir-rispett lejn min jitlob ir-rispett għax dejjem poġġewh fuq pedestall mingħajr wisq mertu. Kultant jidħol ftit romantiċiżmu għax fejn hemm il-poeżija diffiċli tirreżisti. U fuq kollox niftakru li l-lingwa Maltija meta mħaddma kif suppost taf tgħaxxiek daqs kull lingwa oħra, jekk xejn tispjega din il-blata u l-qoħob tagħha aqwa minn kull lingwa oħra. Il-libsa li xtrajt turi l-gosti tiegħek aktar minn dik li krejt.

Wara dan kollu, marru lura lejn Kuntrabanda. Xi negozjanti saru nies bil-kuntrabandu. Għal din il-banda, l-kuntrabandu bil-a kien il-pedament tagħhom. Pedament li f’xi żmien forsi kien hemm min jaħsbu kastell tar-ramel jew inkella diċerija. Imma meta tmiss b’idejk ikollok tammetti li d-diċerija issir fatt. U issa kien imiss li l-pedamenti tas-City Theatre sodi biżżejjed, hekk kif beda l-brijju bil-qbiż minn folla li riedet tiċċelebra ma’ min qed jindukralhom is-sens tas-smiegħ tagħhom.

1 comment:

Pawlu Mizzi said...

Prosit Jean Paul!
Osservazzjonijien ħelwin u minn angoli differenti.
Prosit... għoġobni kif lagħabt b'elementi varji tar-realtà brikkuna sabiex wassalt din l-istorja.
Prosit!